Ejja nivvjaġġaw bl-annimali tagħna

Ivvjaġġa bl-annimali ħbieb tiegħek u gawdi vaganza b’linji gwida apposta li jiżguraw is-sigurtà u l-kumdità.

L-Annimali fil-Kabina

Il-klieb u l-qtates (sa 10kg) jistgħu jinġiebu miegħek fil-kabina, filwaqt li tiżgura li joqogħdu komdi f’kaxxa apposta taħt il-pultruna.

L-Annimal Imqiegħed fl-Istiva

Il-klieb u l-qtates li jiżnu sa 32kg jistgħu jitqiegħdu fl-istiva tal-ajruplan tagħna.

L-Annimali bħala Merkanzija

F’sitwazzjonijiet li ma nkunux nistgħu nakkomodaw l-annimal tiegħek fil-kabina jew fl-istiva tal-ajruplan, inti għandek l-għażla li tibbukkja l-annimal tiegħek fl-istiva tal-ajruplan bħala merkanzija.

Iktar informazzjoni dwar l-ivvjaġġar bl-annimali

Il-passiġġieri li jkunu jixtiequ jivvjaġġaw bl-annimali jistgħu jagħmlu dan suġġett għal xi rekwiżiti li jvarjaw skont l-oriġini u d-destinazzjoni tiegħek.

L-Annimali fil-Kabina tal-Passiġġieri

Sir af ir-regolamenti tagħna dwar l-ivvjaġġar bl-annimal tiegħek fil-kabina tal-passiġġieri.

KIF TIBBUKKJA:

Ibbukkja l-annimal tiegħek (kelb jew qattus) meta tħallas għat-titjira tiegħek fuq is-sit elettroniku tagħna. Jekk it-titjira tiegħek tkun ibbukkjata b’mezzi oħra jew diġà għandek biljett u trid li sieħbek iż-żgħir jissieħeb miegħek fit-titjira tiegħek, ikkuntattja lill-Appoġġ tal-Klijent tagħna fuq +356 2135 6000.

Titħallas miżata ta’ €85 għal kull vjaġġ għal kull kaxxa. Il-miżata mhijiex rimborsabbli.

Il-passiġġieri bl-annimali għandhom iżuru d-desks taċ-check-in fl-ajruport li minnu jkunu se jitilqu sabiex isiru l-ispezzjonijiet mill-istaff tagħna, saħansitra jekk iċ-check-in online jkun sar.

ĦWEJJEĠ IMPORTANTI LI GĦANDEK TINNOTA:

Sib hawn taħt iktar dettalji importanti dwar ir-regolamenti tagħna fuq l-annimali fil-kabina (Moviment mhux Kummerċjali):

  • Il-PETC hija disponibbli għal klieb jew qtates żgħar biss
  • Huwa importanti li tinnota li l-annimali, bil-kaxxa inkluża, jistgħu jkunu jiżnu b’kollox sa 10kg
  • L-annimali għandu jkollhom mill-inqas ħmistax-il ġimgħa u jkunu ilhom li nfatmu ħamest ijiem
  • Dan is-servizz huwa offrut fuq ir-rotot diretti kollha tal-KM Malta Airlines, barra t-titjiriet li jkunu ġejjin minn Heathrow f’Londra. 
  • Il-kontenituri aċċettati għandhom ikunu skont l-istandard tas-sigurtà. L-annimali għandhom jinġarru f’kontenitur/kaxxa apposta li tkun skont l-istandard minimu fejn jidħlu d-daqs, il-ventilazzjoni, is-saħħa, is-sanità u l-għamla għal ġarr sigur, u għandu jkollha qiegħ li ma jgħaddix ilma minnu (ma jnixxix)
  • Id-dimensjonijiet tal-kontenitur: 40ċm (Tul) x 34ċm (Wisa’) x 18ċm (Għoli). Il-kontenitur għandu jkun basket artab li jintewa. L-annimal għandu jkun żgħir biżżejjed biex jidħol u joqgħod komdu fil-kontenitur tiegħu taħt il-pultruna quddiem sidu
  • Fl-istess kontenitur jistgħu joqogħdu sa żewġ annimali tal-istess speċi
  • Veterinarju liċenzjat għandu jeżamina lill-annimal tlett (3) ijiem qabel il-bidu tal-vjaġġ u jikkonferma, fis-sezzjoni apposta tal-Passaport tal-Annimal (Clinical Examination), li l-annimal f’saħħtu u jiflaħ għall-ġarr lejn id-destinazzjoni
  • Huma l-adulti biss li jistgħu jġorru annimal fil-kabina b’kontenitur wieħed għal kull passiġġier adult. Il-minuri mhux akkumpanjati ma jistgħux iġorru annimal fil-kabina.
  • Il-kontenitur bl-annimal għandu jitqiegħed taħt il-pultruna quddiem sidu bla ma jimblokka l-passaġġ ta’ xi persuna biex din tgħaddi għall-kuritur tal-ajruplan. Għandu jibqa’ stivat sewwa tul il-ħin kollu li fih l-ajruplan ikun miexi mal-art fl-ajruport u tul il-ħin kollu tat-titjira
  • L-annimal għandu jibqa’ fil-kontenitur tul it-titjira kollha
  • L-annimal ma għandux jitpoġġa fuq il-pultruna jew f’ħoġor il-passiġġier
  • L-istrollers tal-annimali: Passiġġier li jivvjaġġa bl-annimal miegħu fil-kabina (PETC) u li jixtieq iġorr l-istroller jista’ jagħmel dan billi jqiegħdu fl-istiva bla ħlas. Dan jgħodd biss jekk il-passiġġier ikun se jgħabbi l-istroller fl-istiva u ħallas għall-annimal fil-kabina (PETC)
  • Għas-sigurtà, il-passiġġieri bl-annimali ma jistgħux ipoġġu fin-naħa tal-ġewnaħ, fin-naħa tal-bieb ewlieni (l-1 filliera), jew fil-postijiet ristretti.

Nota: Meta jkun hemm passiġġieri bl-annimali (PETC) fil-Klassi Business u jkun hemm disponibbli filliera waħda biss (l-1 filliera), dawn jitmexxew għal post ieħor fl-Economy, u jkunu jistgħu jitolbu għal rimbors parzjali billi jikkuntattjaw lill-Appoġġ tal-Klijent tagħna.

Jekk il-kelb jew il-qattus tiegħek jaqbeż id-daqs u l-piż permess, l-annimal tiegħek jista’ jkun eliġibbli biex jivvjaġġa bħala annimal akkumpanjat mgħobbi fl-istiva (Pet as Accompanied Checked-in Baggage).

L-annimali fil-kabina (PETC) huma ristretti għal 5 f’kull titjira.

L-Annimali Akkumpanjati Mgħobbija fl-Istiva

Kun af dwar il-politika tagħna li tittratta l-ivvjaġġar bl-annimal tiegħek bħala Tagħbija Akkumpanjata fl-Istiva (AVIH). 

L-ajruplani tagħna huma limitati li jakkomodaw 2 AVIH għal kull segment. Għalhekk, huwa importanti li tirreġistra l-buking tal-annimal tiegħek għal mill-inqas 5 ijiem ta’ xogħol qabel it-titjira biex iżżomm l-ispazju u tkun ċert li ma jkunx rifjutat fl-ajruport.

Niżżel u stampa l-formola tal-AVIH u imla d-dettalji. Ibgħat it-talba tiegħek fuq petstravel@kmmaltairlines.com

L-aġenti tagħna jikkonfermaw il-buking permezz ta’ email, li inti għandek tippreżenta waqt iċ-check-in fl-ajruport li minnu tkun se titlaq. Iktar dettalji dwar il-proċess tal-ajruport fuq l-AVIH jinsabu hawn taħt.

MIŻATI:

Titħallas miżata amministrattiva ta’ €10 għas-servizz tal-AVIH.  L-annimali aċċettabbli għas-servizzi tal-AVIH huma l-klieb, il-qtates, il-liebri, il-fniek, l-inmsa u l-għasafar.. Barra minn hekk, titħallas miżata oħra skont il-piż tal-annimal tiegħek (inkluż il-kontenitur):

  • AVIH żgħir: Għal klieb u qtates li jiżnu bejn 1-10kg jitħallsu €90 għal kull vjaġġ kull kontenitur
  • AVIH medju: Għal klieb u qtates li jiżnu bejn 11-20kg jitħallsu €125 għal kull vjaġġ kull kontenitur 
  • AVIH kbir: Għal klieb u qtates li jiżnu bejn 21-32kg jitħallsu €160 għal kull vjaġġ kull kontenitur

Il-miżati ta’ hawn fuq mhumiex rimborsabbli.

Jekk jogħġbok kun af li l-annimali ma jagħmlux parti mit-tagħbija permessa għalik, u tintalab tħallas għall-piż sħiħ tal-annimal u l-kontenitur irrispettivament mit-tagħbija intitolata applikabbli.

FL-AJRUPORT:

L-Ajruport tat-Tluq:

  • Kun ċert li tagħmel iċ-check-in għall-inqas sagħtejn (2) qabel il-ħin tat-tluq skedat tiegħek
  • Żomm id-dokumenti neċessarji, iċ-ċertifikati, u d-dokument bir-referenza tal-buking tal-AVIH faċli għal idejk
  • Għaddi lill-annimal tiegħek f’kontenitur xieraq waqt iċ-check-in
  • Akkumpanja lill-annimal tiegħek miż-żona tat-tagħbija goffa - l-istaff apposta tagħna jiżgura s-sigurtà u l-kumdità tal-annimal tiegħek u jeħodlok ħsiebu minn hemmhekk ’il quddiem

L-Ajruport tal-Wasla:

  • Mal-wasla, iġbor lill-annimal tiegħek flimkien mal-bagalja tiegħek mis-sala tal-wasliet, diment li l-ajruport ma joffrix servizzi differenti ta’ twassil (iċċekkja mal-ajruport tad-destinazzjoni tiegħek)
  • Kun ippreparat li tipprovdi d-dokumentazzjoni neċessarja lid-Dipartiment tad-Dwana jekk u meta mitlub.

IL-KONTENITURI AĊĊETTABBLI:

L-annimal tiegħek għandu jinġarr f’kontenitur/kaxxa apposta li tkun skont l-istandard minimu fejn jidħlu d-daqs, il-ventilazzjoni, is-saħħa, is-sanità, l-għamla għal ġarr sigur, u għandu jkollha qiegħ li ma jgħaddix ilma minnu (ma jnixxix). Il-kontenitur jeħtieġlu jkun b’tali mod li l-annimal ikollu biżżejjed spazju biex iqum u jpoġġi wieqaf, biex ikun jista’ jdur b’mod normali filwaqt li jkun fuq saqajh, u li jintelaq f’pożizzjoni naturali.

It-tip u d-daqs tal-kontenitur tal-AVIH permess għandu jkun skont ir-regolamenti tal-IATA (LAR): L-għoli massimu tal-kontenitur m’għandux jaqbeż il-100ċm. Id-daqsijiet tal-kontenituri tal-AVIH permessi għandu jkollhom piż volumetriku sa massimu ta’ 60KG. Biex tiżen il-piż volumetriku uża din il-formula li ġejja: LxBxH(cm)/6000.

ĦWEJJEĠ IMPORTANTI LI GĦANDEK TINNOTA:

Sib hawn taħt iktar dettalji importanti dwar ir-regolament tagħna fuq l-AVIH:

  • L-AVIH hija disponibbli biss għall-klieb, qtates, liebri, fniek, inmsa u għasafar li għandhom passaport tal-annimali jew dokumentazzjoni relevanti bl-Ingliż
  • Żewġ annimali tal-istess speċi huma permessi fl-istess kontenitur. Madankollu, jista’ jinġarr kontenitur wieħed biss għal kull passiġġier
  • Dan is-servizz huwa offrut fir-rotot diretti tal-KM Malta Airlines biss u mhux permess f’titjiriet minn Malta għar-Renju Unit. Is-servizz huwa permess biss meta titlaq minn Heathrow f’Londra għal Malta
  • Jekk tonqos milli tipproduċi d-dokumentazzjoni meħtieġa u milli jkollok il-kontenituri skont id-daqs waqt iċ-check-in, l-AVIH tiegħek jaf ikollu jinħatt. Il-KM Malta Airlines ma tistax tkun obbligata għar-rimbors tal-biljetti tal-passiġġieri f’każijiet tali
  • Il-bukings tal-annimali mhumiex rimborsabbli għajr f’każijiet li jitħassru t-titjiriet mil-linja tal-ajru
  • L-istrollers tal-annimali: Passiġġier li jivvjaġġa bl-annimal miegħu fil-kabina u li jixtieq iġorr l-istroller tal-annimal jista’ jagħmel dan billi jqiegħdu fl-istiva bla ħlas. Dan jgħodd biss jekk il-passiġġier ikun se jgħabbi l-istroller fl-istiva u ħallas għall-annimal fil-kabina.

Jekk l-annimal tiegħek ma jikkwalifikax għall-AVIH, hemm l-għażliet għat-tagħbija merkanija li taf tkun disponibbli.

L-Annimali bħala Tagħbija-Merkanzija

F’sitwazzjonijiet li ma nkunux nistgħu nakkomodaw lill-annimal tiegħek kemm bħala Annimal fil-Kabina (PETC) jew bħala Tagħbija Akkumpanjata (AVIH), għandek l-għażla li tibbukkja lill-annimal tiegħek għall-istiva tal-ajruplan bħala Tagħbija-Merkanzija (Cargo).

F’dak il-każ, jekk jogħġbok ikkuntattja lid-dipartiment tagħna għat-Tagħbija-Merkanzija (Cargo) u jiggwidawk tul il-proċess.

Huwa importanti li tinnota li tkun teħtieġ tħalli/tiġbor lill-annimal tiegħek fiċ-/miċ-Ċentru tal-Istazzjon tal-Merkanzija li normalment issibu f’binja separata mit-terminal tal-ajruport u mhux f’distanza li tasal għalih bil-mixi.

Jekk jogħġbok ikkuntattja lid-Dipartiment għar-Riserva tal-Merkanzija għal iktar dettalji fuq il-miżati:

ĦWEJJEĠ IMPORTANTI LI GĦANDEK TINNOTA: 

  • L-annimali kollha permessi jistgħu jintbagħtu bħala tagħbija-merkanzija
  • Id-daqsijiet tal-kontenituri li jaqbżu l-piż volumetriku ta’ 60kg huma permessi. Biex tiżen il-piż volumetriku, uża din il-formula li ġejja: LxBxH(cm)/6000
  • L-għoli massimu tal-kontenitur sa 110ċm.

Kulma teħtieġ tkun taf fuq l-ivvjaġġar bl-annimali

Il-passiġġieri jkunu limitati, f’termini ta’ numru u piż tal-annimali, mir-regolamenti tal-IATA. Dawk il-passiġġieri li jkunu jixtiequ jivvjaġġaw bl-annimali jistgħu jagħmlu dan suġġett għar-rekwiżiti li ġejjin, rekwiżiti li jvarjaw abbażi tal-oriġini u d-destinazzjoni tal-vjaġġ:

MINN MALTA:

Malta lejn kwalunkwe pajjiż tal-UE inkluża l-Iżvizzera:

  • Fiċ-check-in irreġistra lill-klieb u lill-qtates bħala tagħbija akkumpanjata fl-istiva.

Malta lejn ir-Renju Unit:

  • L-annimali għandhom ikunu bbukkjati bħala tagħbija-merkanzija; is-servizzi tal-PETC u tal-AVIH mhumiex disponibbli f’dawn ir-rotot.

Malta lejn il-pajjiżi mhux tal-UE (għajr il-Libja jew pajjiżi b’restrizzjonijiet lokali):

  • Fiċ-check-in irreġistra lill-klieb u lill-qtates bħala tagħbija akkumpanjata fl-istiva.

LEJN MALTA:

Kwalunkwe pajjiż tal-UE (għajr ir-Renju Unit) lejn Malta:

  • Fiċ-check-in irreġistra lill-annimali bħala tagħbija żejda.

Ir-Renju Unit lejn Malta:

  • Il-klieb u l-qtates bħala PETC u AVIH permessi biss minn Heathrow f’Londra; annimali oħra għandhom ikunu bbukkjati bħala tagħbija-merkanzija.

Pajjiżi mhux fl-UE lejn Malta:

  • Jekk ir-rekwiżiti għad-dħul ma jkunux segwiti, l-annimali jistgħu jitqiegħdu fi kwarantina. Jekk jogħġbok irreferi hawn, għas-sit elettroniku tal-Gvern ta’ Malta għall-aġġornamenti.

Mhux permess li l-annimali jagħmlu tranżitu minn Malta.

L-annimali bħala tagħbija-merkanzija jkunu aċċettati biss f’destinazzjonijiet tal-KM Malta Airlines minn punt sa punt.

ID-DOKUMENTAZZJONI MEĦTIEĠA:

Veterinarju liċenzjat għandu jeżamina lill-annimal qabel jivvjaġġa u joħroġlu ċertifikat jew jittimbra l-passaport tal-annimal li jiċċertifika li dan f’saħħtu, ma jagħmilx deni, ġentili, u ma jrejjaħx.

Meta jinġiebu l-annimali f’Malta, għandu jsir appuntament mad-Diviżjoni li tirregola l-Agrikoltura u s-Sajd permezz tan-numri tat-telefown +356 2292 5216/5127 (għall-annimali li jaslu mill-UE) jew +356 2165 3013/0393 (għall-annimali li jaslu minn barra l-UE) matul il-ħinijiet tal-uffiċċju (mit-Tnejn sal-Ġimgħa 07:00 - 15:00) jew lill-Uffiċjal għall-Appoġġ Veterinarju (VSO) fuq in-numru tal-mobile +356 9917 0532 (24 siegħa) jew b’email fuq petstravel.msdec@gov.mt billi ssemmi n-numru tat-titjira, id-data u l-ħin tal-wasla, għal spezzoni qabel ir-rilaxx tal-annimal. Kwalunkwe formola relatata u mitluba tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku għar-Regolament u l-Kontroll tal-Biedja u s-Sajd, hawn

Jekk se tivvjaġġa għal destinazzjoni oħra, jekk jogħġbok kun ċert li int familjari mar-regoli fuq l-importazzjoni tal-annimali ta’ dak il-pajjiż.

Il-KM Malta Airlines ma tinżammx responsabbli jekk xi annimal ikun rifjutat milli jidħol f’xi pajjiż speċifiku. 

RIMBORSI U BIDLIET:

Il-miżati mhumiex rimborsabbli. Jekk għal xi raġuni ma nkunux nistgħu nakkomodaw lill-annimal tiegħek fit-titjira jew fid-data magħżula minnek, aħna nirrimborsaw jew nibdlu l-biljett tiegħek bla ħlas żejjed.

KUNDIZZJONIJIET ĠENERALI OĦRA:

  • Jekk l-itinerarju tiegħek jinvolvi vjaġġi ma’ linji tal-ajru li mhumiex il-KM Malta Airlines, saħansitra fil-każ ta’ titjiriet li għandhom codeshare, inti għandek tikkuntattja lil-linja tal-ajru l-oħra biex tikkonferma li inti tista’ ġġorr l-annimal tiegħek

  • Il-klijenti li jivvjaġġaw bil-klieb u l-qtates bħala PETC jew AVIH għandhom jagħmlu ċ-check-in fl-ajruport, mhux online. Jekk jogħġbok kun mal-bank taċ-check-in għall-inqas sagħtejn qabel il-ħin skedat tat-tluq tat-titjira tiegħek.

  • Il-klieb-gwida huma aċċettati fil-kabina tal-passiġġieri u jivvjaġġaw bla ħlas. Iktar dettalji huma disponibbli hawn.
  • Minn żmien għal ieħor, minħabba t-tagħbijiet kbar, it-titjiriet jistgħu jiġu ristretti u b’hekk ma nkunux nistgħu naċċettaw li l-annimali jivvjaġġaw. Inti tkun aġġornat b’dawn ir-restrizzjonijiet xħin tiġi biex tibbukkja.

Għal iktar informazzjoni dwar l-ivvjaġġar bl-annimal tiegħek, żur is-siti elettroniċi li ġejjin:

Il-Klieb għall-Assistenza
Il-passiġġieri li jeħtieġu l-għajnuna tal-klieb-gwida huma milqugħin fit-titjiriet tagħna.
Aqra Iktar